Deskrizzjoni

Proċeduri marbuta mal-ewwel fażi ta’ Funeral.

Proċedura

Meta l-kappillan / ir-rettur jiġi ikkuntattjat mil-familjari jew minn kummissjonant dwar funeral għandu:

  1. Fejn hu possibli, hu jew saċerdot ieħor, iżur lill-familjari xi ħin qabel il-funeral, jitlob magħhom u joffrilhom is-servizz tal-qrar
  2. jipprepara ċ-ċelebrazzjoni tal-funeral, kif ġej:
A. Il-quddiesa u r-ritwal
  1. Jiftiehem id-data u l-ħin tal-quddiesa direttament mal-familjari jew mal-kummissjonant
  2. Jitlob lil familjari sabiex isibu:
    1. Persuna jew tnejn sabiex jaqraw il-qari u s-salm responsorjali
    2. Persuna sabiex taqra t-talbiet tal-fidili (jekk ikun meħtieġ)
    3. Żewġ persuni sabiex itellgħu l-offerti
  3. Jintagħżel il-qari għal waqt il-quddiesa
  4. It-talb tal-fidili, u f’każ li jkun hemm xi talba wara t-tqarbin, ma għandhomx ikunu eloġju fuq il-mejjet/mejta, imma għandhom ikunu talb li jmorru ma’ dik il-parti tal-quddiesa.
  5. Jitlob informazzjoni fuq min ser ikanta u jdoqq waqt il-quddiesa u l-lista tal-kant li se jsir.
  6. Ifakkar li ċ-ċelebrazzjoni ssir b’mod dinjituż skont ir-ritwal u d-direttivi tal-funerali.
  7. Mill-bidu tal-quddiesa sal-ħin li t-tebut joħroġ mill-knisja, ma għandu jsir xejn iżjed għajr dak li jinsab fir-ritwal tal-funerali.
B. Id-direttivi
  1. Jekk se jagħmlu ritratt tal-mejjet/mejta dan irid jitqiegħed fuq wara tal-knisja fejn il-ktieb tal-kondoljanzi u mhux ħdejn it-tebut/urna.
  2. Fuq/fejn it-tebut/l-urna:
    1. Ikun hemm biss Bibbja u kurċifiss (u stola f’każ ta’ saċerdot)
    2. Ma jistgħux jitħallew bnadar:
      1. Bnadar ta’ korpi dixxiplinari u bnadar statali għandhom jintwew pulit u titneħħa minn fuq it-tebut malli jidħol fil-knisja. Jekk tkun ser terġa’ tintuża fl-aħħar, titqiegħed fuq it-tebut qabel ma jintrefa’ biex joħroġ mill-knisja
      2. Bnadar oħra: dawn għandhom jitneħħew qabel ma jidħol fil-knisja, u jistgħu jerġgħu jitqiegħdu ladarba t-tebut ikun inħareġ mill-knisja.
      3. Ma jitpoġġewx fjuri.
  3. Bnadar, stendardi ta’ soċjetajiet u għaqdiet ċivili, eċċ., li jinġiebu fil-knisja fl-okkażjoni ta’ funerali, għandhom jitqiegħdu ħdejn il-bieb ta’ barra.
  4. Ringrazzjamenti: Jekk il-familjari jkunu jixtiequ jirringrazzjaw lin-nies li attendew, dawn għandhom jgħidu liċ-ċelebrant biex hu jirringrazzja lin-nies fl-aħħar tal-Quddiesa.
  5. Messaġġi (poeżiji, eċċ): Jekk il-familjari jkunu jixtiequ jwasslu xi messaġġ, dan jagħmluh waqt id-difna ħdejn il-qabar.
  6. Min jixtieq jieħu ritratti, videos jew live-streaming tal-Quddiesa għandu jitlob il-permess tal-kappillan u taċ-ċelebrant.
Ċ. It-Tariffa għas-servizz liturġiku
  1. It-tariffa għas-servizz liturġiku hi ta €85. It-tariffa tinkludi l-użu tal-knisja u l-elemożina taċ-ċelebrant.
  2. It-tariffa ma tinkludix:
    1. Il-kant
    2. Il-permessi minn awtoritajiet ċivili
    3. Id-dritta taċ-ċimiterju
    4. Spejjeż oħra marbuta mad-dfin u ċimiterji.
  3. Min jixtieq jagħti donazzjonijiet ulterjuri, jista’ jagħmel dan.
  4. Dan ma jfissirx li ma ssirx il-ġabra waqt il-quddiesa.
  5. F’każijiet fejn il-familjari ma jaffordjawx iħallsu t-tariffa, il-familjari stess għandhom jitkellmu mal-kappillan jew rettur tal-knisja fejn ikun ser isir il-funeral.
  6. F’każ ta’ funeral hekk imsejjaħ tal-povri u f’każ ta’ funeral tat-tfal, il-knisja toffri s-servizz tagħha mingħajr ħlas.
D. Reġistrazzjoni
  1. Jitlob il-burial permit oriġinali u 2 kopji lill-kummissjonant
  2. Jirreġistra l-funeral u d-difna fir-reġistru tal-Funerali.
  3. Idaħħal ir-reġistrazzjoni fis-sistema tal-Parish Management [ Iftaħ is-sistema ]
  4. Jekk il-mejjet/mejta ma  kienx residenti fil-parroċċa tiegħek, ibgħat in-Notifika li se jsir/sar funeral fil‑Parroċċa/Knisja tiegħek mill-User Area ta’ parrocci.knisja.mt Iftaħ il-link sabiex il-kappillan tal-parroċċa fejn kien joqgħod il-mejjet/mejta jagħmel nota marġinali fir-reġistru tal-magħmudija.
  5. Jarkivja l-burial permit.
  6. Jekk il-funeral sar fi knisja filjali, ir-rettur jgħaddi l-burial permit lilll-kappillan tal-parroċċa li fiha qiegħda il-knisja/kappella.
Dokumenti